Rebbieħ tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb

Fid-daqqa u l-ħin, tinfetaħ tieqa u titfaċċa poeta. Jew tiftaħlek il-bieb ta’ darha u tagħmillek sinjal biex tgħaddi.

Jew tistenniek wara l-kantuniera u kif tasal teħodlok idek bil-kalma u minflok tħallik għaddej dritt iddawwarlek id-direzzjoni u tikser għan-naħa tagħha minflk tibqa’ sejjer. Ma nafx jekk hux il-poeti kollha jagħmlu hekk imma Nadia Mifsud iddaħħlek fil-privat mhux daqstant għall-gost esibizzjonista daqskemm biex turik li l-affarijiet mhux dejjem huma kif jidhru.

https://edizzjoniskarta.wordpress.com/nadia-mifsud-kantuniera-l-boghod/

Bormla

(pèlerinage)

fil-qalba
hemm leħen nannti
jaħtaf il-vokali 
ta’ toroq tfuliti

hemm nannti liebsa l-gejxa

hemm il-ġara ta’ xagħarha bbliċjat
u l-qliezi mxammra
tpeċlaq waħedha
ma’ radju jtextex
mal-barmil ifexfex
tobrox l-istess biċċa bankina
erbgħin sena u fuqhom

hemm l-Immakulata Kunċizzjoni
ittrakkata ma’ elf faċċata 

il-qtates magħluba
jħaxknu t-telqa tagħhom
mal-għekiesi tat-turġien
jilagħqu t-traskuraġni titmiegħek
fi truf l-isqaqien

naxra ħwejjeġ tal-ħabba gozz
pariġġ leħen ta’ mara jitpastaż
wara ħasira mtertqa 
imdendla bl-addoċċ

riħa taqsam ta’ stuffat

wara l-knataz u s-serraturi
jitmaħmħu l-fatati

ħdejn ix-Xgħajra ta’ Bormla
mhux bogħod wisq minn fejn ommi
kienet tixtri ċ-ċiċri u l-ħut
nieqaf niggosta qarmuċa ċaċċaruna – 
xedaq beraħ u libsa perpura 
ibandlu żewġ toppini
f’pika mal-mina
ma’ kull żaqżiqa 
jgarawli botta

sinna businna
bajda ħalib
oqgħod fejn se nqiegħdek
meta mmut niġi għalik

nadia mifsud

Mill-ġabra kantuniera ’l bogħod (Edizzjoni Skarta, 2015).

ibażwruni għajnejkom

(lil uliedi)

ibażwruni kultant għajnejkom 
jistħarrġu 'l wiċċi
jfittxu fuq truf xufftejja
risposti għall-biżibilju mistoqsijiet
li tixtiequ tistaqsuni u ma tafux kif
li tixtiquni nwieġeb 
imma mhux dejjem ikolli aptit

ibażwruni għajnejkom
iqandlu veritajiet
itqal minnkom
li aħna l-kbar
lanqas inlissnu ma nazzardaw

tbażwruni
tħobbuni minn tarf sa tarf u lura
anki meta kliemi
jiċħadkom

nadia mifsud

Mill-ġabra kantuniera ‘l bogħod (Edizzjoni Skarta, 2015).

Montdevergues

(wara l-film ta’ Bruno Dumont, Camille Claudel, 1915)

nixtieq nista’ nnewwaħ u nwaħwaħ
bħar-riħ
nheżżeż bħalu l-ħġieġ ta’ dal-ħabs
li qafluni fih fatat
għax qalu li
ruħi tmekkħet meta missejt miegħek
u ġegħelthom jistħu
tiftakar, qalbi?
kif nista’, għidli, ma nobogħdokx?
ħabbejtek wisq
u int
ħadtli kollox
ħfintni kollni
ħannintni bi kliemek
għaġintni bħat-tafal
kif nista’, għidli, ma nibbiesx
ma nsirx tal-ġibs
imħabbla f’dil-ħolma kerha twila tletin sena?
għejejt
u jdejja ma nafx x’naqbad nagħmel bihom
int ġa ilek li tlaqt
jien għadni hawn
– waħdi –
nissielet biex ma jiblagħnix dal-ġenn ta’ madwari
inħobbok u nisħtek fl-istess nifs
nistenna li jiġi l-baħħ
iżarmani

nadia mifsud

Mill-ġabra kantuniera ‘l bogħod (Edizzjoni Skarta, 2015).

sdf

anki l-kliem spiċċa tpaħpaħ – 
jitmeżmżu t-tfal
jarawh jitbeżlaq ma’ geddumek
jindifen fid-daqna folta
isir tmeċmiċ
iżerżqu jdejhom f’tiegħi
jiġbduni 'l hinn
minn għajnejk ħuġġieġa
minn snienek immermrin
u dufrejk kulur il-ġmied

nammetti
jiġrili li anki jien
nitħassrek u nistkerrħek fl-istess ħin
nipprova nispjegalhom – 
forsi ħadd qatt ma pprova jifhmek
forsi ħadd qatt ma ħares lejk sewwa
tgħid fejn huma ommok u missierek?
fejn hi dar tfulitek?
x’jismek? 
kemm jista’ għandek żmien?

narak tiżmanġa kuljum ftit aktar
fl-istess kantuniera tliet toroq 'il bogħod
nitbaxxa daqsxejn
kemm niskarta 'l għajnejk
inżerżaqlek ġiex ċekċikiet
f’żaqq il-beritta 
imbagħad intaptap tnejn ras il-kelb
u nkompli għaddejja b’affarija
inqandel il-basktijiet tax-xiri
mal-kuxjenza suppost nadifa

sdf – sans domicile fixe
skorċa
dagħwa
ferita

żewġ pari ngwanti bojod ġew jiżgumbraw il-bankina
wara l-lejl li ġie jaħtaf tgedwidek
wara li s-sirda meximxitlek ħaddejk
bħalma ġa kienet meximxitlek ħolmietek

xi ħadd ġabar il-kutra safra riħa ta’ bewl u birra

għajnejn uliedi qed jistaqsuni x’sar minnu l-kelb
naħseb naf
imma nippreferi nxengel rasi
u niskot

nadia mifsud

Mill-ġabra kantuniera ‘l bogħod (Edizzjoni Skarta, 2015).