ibażwruni għajnejkom

(lil uliedi)

ibażwruni kultant għajnejkom 
jistħarrġu 'l wiċċi
jfittxu fuq truf xufftejja
risposti għall-biżibilju mistoqsijiet
li tixtiequ tistaqsuni u ma tafux kif
li tixtiquni nwieġeb 
imma mhux dejjem ikolli aptit

ibażwruni għajnejkom
iqandlu veritajiet
itqal minnkom
li aħna l-kbar
lanqas inlissnu ma nazzardaw

tbażwruni
tħobbuni minn tarf sa tarf u lura
anki meta kliemi
jiċħadkom

nadia mifsud

Mill-ġabra kantuniera ‘l bogħod (Edizzjoni Skarta, 2015).