rxiexa

Tieqaf l-irxiexa
u l-belt dlonk tieħu bixra oħra.
Riħa ta’ ġebel imxarrab.
Ħemda umda
li xejn ma jħarbat
ħlief it-tinwiħa
ta’ qattusa ċkejkna
imkebba tregħida waħda
ma’ koxxa ta’ bieb.
Ħoss ta’ ilma jqattar,
tal-katusi jtektku.
L-ispralli jitqanżħu taħt saqajna.
(Xi darba nirrakkuntalek
il-logħob ta’ dari
fil-kantina ta’ nannti,
id-daħk sfrattat
mill-fatati mistħajla.)
F’għajnejk ukoll hemm
mistura mitt ħrafa.
Ma’ kull pass li mmiddu,
spallejna jitħabbu —
aptit ta’ żifna.
Nefħa riħ tbandal
il-fanali mdendla
minn naħa għall-oħra tat-triq,
u magħhom,
fuq iċ-ċangaturi leqqiena,
jitbandal id-dawl —
artab daqs leħnek.

nadia mifsud

Mill-ġabra varjazzjonijiet tas-skiet (Ede Books, 2021).

https://edebooks.eu/bookshop/varjazzjonijiet_tas-skiet/