Nadia Mifsud at the Malta Mediterranean Literature Festival 2022. Photo by Virginia Monteforte.

Għall-poeta, rumanziera u traduttriċi Nadia Mifsud, il-letteratura tirrappreżenta bieb għal dinja oħra, u tiggarantixxi mogħdija qalb suġġetti ġeografiċi u emozzjonali varji. Forsi dawn is-suġġetti qajla jitqiesu bħala sorpriża ġaladarba qed niddiskutu lil Mifsud, li twieldet f’Bormla fl-1976 u llum toqgħod Franza, u taħdem bħala traduttriċi għal rasha.

Id-dimensjoni internazzjonali ta’ xogħol Mifsud tkompli tissaħħaħ bil-workshop tat-traduzzjoni li tmexxi fil-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta li jsir kull sena. F’dan il-workshop, għadd ta’ kittieba internazzjonali jkunu mistednin jittraduċu xogħol xulxin qabel ma jippreżentawh fuq il-palk fl-iljieli tal-festival.

Lil hinn minn ħajjitha kif inhi llum, imsawra mil-lingwa tal-letteratura u msejsa qalb il-klikka tal-kollegi kittieba Maltin tagħha, meta kienet iżgħar, Mifsud kienet inħasdet meta skopriet li għal ħafna minn sħabha ma kinitx xi ħaġa minn ewl id-dinja li jiktbu l-poeżija. Hija bdiet tesperimenta b’dan il-ġeneru biex tikkonsla lill-kuġina tagħha li kienet ma tiflaħx, billi kienet kitbitilha poeżija meta kellha appendiċite.

Imma l-poeżija kellha tingħata l-ġenb meta Mifsud kienet l-Università, għax dak iż-żmien hija ddedikat lilha nfisha lit-twettiq tal-ħolma tagħha li tmur toqgħod Franza, allura l-prijorità tagħha kienet li teċċella fil-Franċiż. “Domt ftit sa ma rġajt lura għall-poeżija,” qalet Mifsud hi u tirrifletti. “Kienet il-poeżija li ġiet lura għandi.”

Mifsud ippubblikat tliet ġabriet tal-poeżija, rumanz, Ir-rota daret dawra (kważi) sħiħa (Merlin Publishers, 2017), u ġabra ta’ stejjer qosra, Żifna f’xifer irdum (Merlin Publishers, 2021), li kollha jiffukaw fuq is-suġġett li tittratta b’mod rikurrenti, l-esperjenza tal-mara, espressa b’mod elokwenti imma istintiv u onest.

Imma l-att tal-ivvjaġġar qalb il-kliem qatt mhu mbiegħed wisq mill-isfera ta’ preokkupazzjoni ta’ Mifsud, li wildet it-tieni antoloġija tagħha Kantuniera ’l Bogħod (Edizzjoni Skarta, 2015), wara l-ewwel ġabra tagħha żugraga, ippubblikata fl-2009. Anke t-titlu, Kantuniera ’l Bogħod, huwa taħlita b’saħħitha xhieda ta’ xewqet Mifsud li tesplora l-ambigwitajiet tad-distanza u l-qrubija, tal-familjari u dak li mhux, ta’ kemm, fi kliemha stess, huwa faċli li l-perspettivi tagħna jinbidlu.

Mifsud rebħet it-tliet premjijiet fil-kompetizzjoni nazzjonali tal-poeżija fl-2017, u reġgħet ġiet l-ewwel fl-2018 u fl-2019. Hi kienet finalista għall-premju nazzjonali tal-ktieb bir-rumanz Ir-rota daret dawra (kważi) sħiħa, u rebħitu darbtejn bil-ġabriet tal-poeżija kantuniera ‘l bogħod u varjazzjonijiet tas-skiet (Ede Books, 2021). L-iktar xogħol riċenti tagħha, li hu wkoll ġabra ta’ poeżija, jismu meta tinfetaq il-folla (Ede Books, 2022). Mifsud bħalissa hi poeta lawreata.

Kitba msejsa fuq il-bijografija miktuba minn Teodor Reljić, u tradotta minn Sephora Francalanza, għal HELA. Ritratt ta’ Virginia Monteforte.

Read in English. Lire en français.