
Rebbieħ tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb
L-ebda skiet mhu bħal ieħor. Hemm is-skiet ta’ kmieni filgħodu u dak ta’ tard billejl. Hemm skiet artab u komdu li jqarreb u jwaħħad, li jisboq bi sbuħitu kull tentattiv ta’ kliem. Hemm skiet kennieni li jagħmlilna tajjeb nitgeżwru fih meta kollox madwarna jsir wisq. Kultant, imma, is-skiet jaf ikun oħxon ċpar, ħarba, fdal jew baħħ. Jaf jistona, idarrab, iħalli f’ħalqna togħma ta’ mrar. Kultant inkunu aħna li neħtieġu s-skiet, drabi oħra jinfirex fina bla ma nfittxuh, xi minndaqqiet jiġi impost fuqna u sta għalina naraw x’naqbdu nagħmlu bih.
F’din il-ġabra ta’ poeżiji, Nadia Mifsud tirrakkonta skitijiet differenti, mis-skiet l-iktar intimu sa dak li saħansitra jista’ jissejjaħ esperjenza kollettiva, bħal meta d-dinja nħafnet mill-pandemija u ma konniex nafu x’naqbdu ngħidu (iktar).
U int, qatt doqt is-skiet? Qatt żfintu? Taf tgħid x’kulur(i) għandu?
Varjazzjonijiet tas-Skiet huwa ktieb magħmul bl-idejn minn Kotba Calleja. Din il-pubblikazzjoni ġiet megħjuna mill-Fond Nazzjonali tal-Ktieb (Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb).
https://edebooks.eu/bookshop/varjazzjonijiet_tas-skiet/
rxiexa
Tieqaf l-irxiexa u l-belt dlonk tieħu bixra oħra. Riħa ta’ ġebel imxarrab. Ħemda umda li xejn ma jħarbat ħlief it-tinwiħa ta’ qattusa ċkejkna imkebba tregħida waħda ma’ koxxa ta’ bieb. Ħoss ta’ ilma jqattar, tal-katusi jtektku. L-ispralli jitqanżħu taħt saqajna. (Xi darba nirrakkuntalek il-logħob ta’ dari fil-kantina ta’ nannti, id-daħk sfrattat mill-fatati mistħajla.) F’għajnejk ukoll hemm mistura mitt ħrafa. Ma’ kull pass li mmiddu, spallejna jitħabbu — aptit ta’ żifna. Nefħa riħ tbandal il-fanali mdendla minn naħa għall-oħra tat-triq, u magħhom, fuq iċ-ċangaturi leqqiena, jitbandal id-dawl — artab daqs leħnek.
nadia mifsud
Mill-ġabra varjazzjonijiet tas-skiet (Ede Books, 2021).