
“B’lingwaġġ sod u mirqum, b’intensità emottiva kostanti, b’avventuriżmu letterarju li ma jiqafx, Nadia Mifsud tikteb il-poeżija tagħha mifhuma bħala dokument li janalizza, jirrevedi, jadatta u jagħżel. Il-kuxjenza femminili tiddistingwi ruħha sewwasew bħala diversità. Il-mezzi letterarji jaqdu lil din il-verżjoni tal-esperjenza materna u femminili. Jekk l-emozzjoni hi preżenti daqskemm imrażżna, din hi turija ta’ għażla li għandha l-iskop li tagħti lil dan id-djarju poetiku l-karattru li fil-fatt għandu.” — Oliver Friggieri.
https://www.malliadamatobooks.com/product-page/%C5%BCugraga
manifest għal binti
ġo fija mġemmgħa r-rabja il-qilla ta' nannti u bużnannti u dawk kollha li qabilhom jew bħalhom riedu u ma setgħux għax ma kinux irġiel u ntenni l-kliem li qatt ma lissnu ngħix il-ħajja li qatt ma basru noħlom il-ħolm li fgawlhom f'ġufhom noħlom u nemmen għax 'il binti rridha ħielsa
nadia mifsud
Mill-ġabra żugraga (2009).
Fl-2021, din il-poeżija intużat f’kampanja pubbliċitarja tal-kumpanija Mvintage, li wriet ix-xogħol siwi li qed jagħmlu Joan Abela u t-tim tagħha fl-Arkivji Notarili. Il-leħen hu tal-poetessa brava Leanne Mifsud.
