Bormla
(pèlerinage)
fil-qalba hemm leħen nannti jaħtaf il-vokali ta’ toroq tfuliti hemm nannti liebsa l-gejxa hemm il-ġara ta’ xagħarha bbliċjat u l-qliezi mxammra tpeċlaq waħedha ma’ radju jtextex mal-barmil ifexfex tobrox l-istess biċċa bankina erbgħin sena u fuqhom hemm l-Immakulata Kunċizzjoni ittrakkata ma’ elf faċċata il-qtates magħluba jħaxknu t-telqa tagħhom mal-għekiesi tat-turġien jilagħqu t-traskuraġni titmiegħek fi truf l-isqaqien naxra ħwejjeġ tal-ħabba gozz pariġġ leħen ta’ mara jitpastaż wara ħasira mtertqa imdendla bl-addoċċ riħa taqsam ta’ stuffat wara l-knataz u s-serraturi jitmaħmħu l-fatati ħdejn ix-Xgħajra ta’ Bormla mhux bogħod wisq minn fejn ommi kienet tixtri ċ-ċiċri u l-ħut nieqaf niggosta qarmuċa ċaċċaruna – xedaq beraħ u libsa perpura ibandlu żewġ toppini f’pika mal-mina ma’ kull żaqżiqa jgarawli botta sinna businna bajda ħalib oqgħod fejn se nqiegħdek meta mmut niġi għalik
nadia mifsud
Mill-ġabra kantuniera ’l bogħod (Edizzjoni Skarta, 2015).