Montdevergues

(wara l-film ta’ Bruno Dumont, Camille Claudel, 1915)

nixtieq nista’ nnewwaħ u nwaħwaħ
bħar-riħ
nheżżeż bħalu l-ħġieġ ta’ dal-ħabs
li qafluni fih fatat
għax qalu li
ruħi tmekkħet meta missejt miegħek
u ġegħelthom jistħu
tiftakar, qalbi?
kif nista’, għidli, ma nobogħdokx?
ħabbejtek wisq
u int
ħadtli kollox
ħfintni kollni
ħannintni bi kliemek
għaġintni bħat-tafal
kif nista’, għidli, ma nibbiesx
ma nsirx tal-ġibs
imħabbla f’dil-ħolma kerha twila tletin sena?
għejejt
u jdejja ma nafx x’naqbad nagħmel bihom
int ġa ilek li tlaqt
jien għadni hawn
– waħdi –
nissielet biex ma jiblagħnix dal-ġenn ta’ madwari
inħobbok u nisħtek fl-istess nifs
nistenna li jiġi l-baħħ
iżarmani

nadia mifsud

Mill-ġabra kantuniera ‘l bogħod (Edizzjoni Skarta, 2015).