sdf

anki l-kliem spiċċa tpaħpaħ – 
jitmeżmżu t-tfal
jarawh jitbeżlaq ma’ geddumek
jindifen fid-daqna folta
isir tmeċmiċ
iżerżqu jdejhom f’tiegħi
jiġbduni 'l hinn
minn għajnejk ħuġġieġa
minn snienek immermrin
u dufrejk kulur il-ġmied

nammetti
jiġrili li anki jien
nitħassrek u nistkerrħek fl-istess ħin
nipprova nispjegalhom – 
forsi ħadd qatt ma pprova jifhmek
forsi ħadd qatt ma ħares lejk sewwa
tgħid fejn huma ommok u missierek?
fejn hi dar tfulitek?
x’jismek? 
kemm jista’ għandek żmien?

narak tiżmanġa kuljum ftit aktar
fl-istess kantuniera tliet toroq 'il bogħod
nitbaxxa daqsxejn
kemm niskarta 'l għajnejk
inżerżaqlek ġiex ċekċikiet
f’żaqq il-beritta 
imbagħad intaptap tnejn ras il-kelb
u nkompli għaddejja b’affarija
inqandel il-basktijiet tax-xiri
mal-kuxjenza suppost nadifa

sdf – sans domicile fixe
skorċa
dagħwa
ferita

żewġ pari ngwanti bojod ġew jiżgumbraw il-bankina
wara l-lejl li ġie jaħtaf tgedwidek
wara li s-sirda meximxitlek ħaddejk
bħalma ġa kienet meximxitlek ħolmietek

xi ħadd ġabar il-kutra safra riħa ta’ bewl u birra

għajnejn uliedi qed jistaqsuni x’sar minnu l-kelb
naħseb naf
imma nippreferi nxengel rasi
u niskot

nadia mifsud

Mill-ġabra kantuniera ‘l bogħod (Edizzjoni Skarta, 2015).